Navigate Up
Sign In

Il-Ministru Helena Dalli tqassam €42,000 f’għotjiet finanzjarji lil diversi għaqdiet volontarji fi tmiem proġetti li twettqu b’ko-finanzjament mill-UE

Reference Number: PR171015, Press Release Issue Date: Apr 20, 2017
 
Numru ta’ organizzazzjonijiet volontarji rċevew bejniethom total ta’ €42,073 mill-fond ta’ ko-finanzjament għall-għaqdiet volontarji amministrat mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Liberatjiet Ċivili wara li temmew numru ta’ proġetti f’oqsma differenti b’ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.
B’kollox, dawn l-għaqdiet se jkunu rċevew total ta’ €86,182.26, liema ammont jinkludi wkoll is-somma li rċevew mal-approvazzjoni tal-proġett.
Waqt il-preżentazzjoni tal-fondi, il-Ministru Helena Dalli rringrazzjat lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet volontarji għall-ħidma importanti li jwettqu f’pajjiżna. Helena Dalli qalet li l-gvern huwa impenjat li jkompli jgħin lis-settur volontarju biex isir aktar ġid fis-soċjetà.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Joseph Camilleri semma kif it-talbiet li jsiru mill-għaqdiet volontarji jiġu evalwati minn board maħtur apposta, filwaqt li ħeġġeġ biex aktar għaqdiet jissottomettu applikazzjonijiet għal proġetti
Id-Direttur għall-Affarijiet Ewropej Brian Farrugia fisser kif il-Ministeru ħoloq sistema elettronika fejn l-organizzazzjonijiet volontarji jistgħu japplikaw għall-fondi b’mod online u jingħataw stima dak il-ħin stess tal-ammont li jkunu eleġibbli għalih. Huwa qal li dalwaqt se jkun qed joħroġ il-programm il-ġdid ta’ fondi li jkopri s-snin 2014-2020.
L-organizzazzjonijiet volontarji li rċevew il-fondi huma Aditus, Sisters of Charity of St Jeanne Antide, Daughters of the Sacret Heart, Għaqda Talent Dingli, u Siġġiewi Brass and Social Band.