Navigate Up
Sign In

Il-Ministru Helena Dalli tinawgura Ġnien Tamara Psaila li se jservi ta’ spazju ieħor miftuħ għall-familji f’Ħaż-Żabbar

Reference Number: PR171249, Press Release Issue Date: May 14, 2017
 

Il-familji u r-residenti f’Ħaż-Żabbar se jkollhom aktar spazji miftuħa fejn jistgħu jirrilassaw mat-tfal tagħhom f’ambjent sigur.

B’investiment ta’ €60,000 il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta u l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar wettqu proġett ta’ tisbiħ fi Ġnien Tamara Psaila, u minn post fi stat ta’ telqa issa nbidel f’bandli li jsebbħu ż-żona tal-housing estate f’Ħaż-Żabbar.

Il-proġett ilu għaddej għal dawn l-aħħar xhur u involva fost l-oħrajn il-ħolqien ta’ ground tal-football 5-a-side b’turf artifiċjali, twaħħil ta’ tapit artifiċjali li joffri sigurtà lit-tfal waqt li jkunu qed jilagħbu, bandli u makkinarju tal-logħob għat-tfal, sistema ġdida ta’ dawl, outdoor furniture, u tisbieħ ġenerali tal-post.

F’ċerimonja ta’ tnedija l-Ministru Helena Dalli qalet li dan il-proġett jingħaqad ma’ proġetti oħra li tħabbru fl-aħħar jiem li għandhom jagħtu nifs lil Ħaż-Żabbar u lill-inħawi tal-madwar. Dawn jinkludu ż-żarmar b’mod gradwali tal-impjant tar-riċiklaġġ f’Wied il-Għajn u r-riabilitazzjoni tal-inħawi tal-Foss li se jinbidel f’park għall-familji.

Il-Ministru Dalli tkellmet dwar kemm hu importanti li t-tfal ikollhom fejn jilagħbu u jgħaddu l-ħin liberu tagħhom f’sigurtà – ħin li jgħin biex ikollhom saħħa fiżika u saħħa mentali aħjar.

Dr Dalli ħabbret li bħalissa għaddej xogħol biex f’Ħaż-Żabbar ikun hemm dar tal-anzjani filwaqt li l-Kunsill Konsultattiv qed jaħdem biex jidentifika n-nuqqasijiet li hemm f’lokalitajiet oħra fin-Nofsinhar li għandhom bżonn l-attenzjoni.

Iċ-Chairman tal-Kunsill għan-Nofsinhar ta’ Malta Silvio Parnis faħħar ix-xogħol li sar fuq dan il-proġett u qal li dan jingħaqad ma’ proġetti oħra li saru fl-aħħar erba’ snin fejn il-Gvern qed iwettaq dak li wiegħed - li jagħti nifs ġdid lin-Nofsinhar ta’ Malta. Semma l-ħolqien ta’ reading gardens u l-proġett ta’ tisbiħ tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid fejn ix-xogħol għaddej b’ritmu mgħaġġel.

Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar Marc Vella Bonnici rringrazzja lill-Ministru Helena Dalli talli l-Gvern fehem ix-xewqat tar-residenti tal-housing estate biex is-sit jinbidel f’post sigur fejn it-tfal ikunu jistgħu jilagħbu, filwaqt li wera apprezzament għall-fatt li l-Gvern sema’ t-talbiet taż-Żabbarin li jkollhom park fejn il-familji jgħaddu ħin ta’ mistrieħ.