Navigate Up
Sign In

Il-Ministru Helena Dalli tinawgura t-tielet ċentru għall-volontarjat fir-Rabat u tħabbar pjani għar-raba’ ċentru f’Marsaxlokk

Reference Number: PR171275, Press Release Issue Date: May 18, 2017
 

Il-Gvern qed jipprovdi post ieħor għall-għaqdiet volontarji fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu u jorganizzaw attivitajiet u konferenzi bil-ftuħ tat-tielet ċentru għall-volontarjat fir-Rabat.

Dan iċ-ċentru se joffri spazju lil aktar minn 250 għaqda fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u se jingħaqad ma’ żewġ ċentri oħra li l-Gvern fetaħ f’dawn l-aħħar erba’ snin, wieħed fil-Belt Valletta u ieħor fil-Qawra.

F’ċerimonja ta’ inawgurazzjoni, il-Ministru Helena Dalli qalet li l-Gvern żamm il-wegħda elettorali li kien għamel fil-qasam tal-volontarjat li jinfetħu tliet NGO hubs biex jassistu lil aktar minn elf għaqda li hawn f’pajjiżna.

Il-Ministru Dalli spjegat li dawn iċ-ċentri qed jipprovdu l-faċilitajiet kollha neċessarji biex l-organizzazzjonijiet volontarji jkunu jistgħu jagħtu aktar viżibilità lix-xogħol tagħhom b’mod partikolari dawk li m’għandhomx post fiss.

Dr Dalli ħabbret li l-Gvern diġà beda x-xogħol fuq ċentru f’Marsaxlokk li se jospita aktar minn 300 għaqda volontarja fin-Nofsinhar ta’ Malta flimkien ma’ uffiċini għall-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar. Dan iċ-ċentru se jkun l-akbar wieħed u se jkun mgħammar b’sala kbira għall-konferenzi u bi ġnien fejn l-għaqdiet volontarji jistgħu jtellgħu attivitajiet differenti flimkien ma’ ċentru għar-riżorsi u għar-riċerka għas-settur volontarju.

Il-Ministru Dalli qalet li fl-aħħar erba’ snin il-Gvern żied il-budget għas-settur volontarju filwaqt li nieda l-iskema ta’ xogħol volontarju għaż-żgħażagħ fejn anke qed jingħata stipendju bil-għan li aktar żgħażagħ jidħlu għall-volontarjat biex is-settur ikompli jkun sostnut.

Fi tmiem iċ-ċerimonja l-Ministru Dalli kixfet plakka kommemorattiva filwaqt li ddawret mal-post mis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju Mauro Pace Parascandolo.

Impressjoni artistika taċ-Ċentru għall-Volontarjat f’Marsaxlokk hi mehmuża ma’ din l-istqarrija.