Navigate Up
Sign In

Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jraħħas il-prezzijiet tal-mediċini bħalma seħħ fl-aħħar erba’ snin u li minnhom jibbenefikaw il-konsumaturi – Helena Dalli

Reference Number: PR170708, Press Release Issue Date: Mar 22, 2017
 
Il-viżjoni fit-tul u l-proattività li wriet l-Awtorità dwar il-Mediċini f’dawn l-aħħar erba’ snin mhux biss issarrfu f’roħs f’ċertu prezzijiet tal-mediċini u aktar aċċess għall-mediċini imma wasslu wkoll biex minn Awtorità prattikament falluta, issa din qed tagħmel il-qligħ.
 
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-kumpless tal-Life Sciences f’San Ġwann li minnu topera l-Awtorità, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli elenkat is-suċċessi li rreġistrat l-Awtorità dwar il-Mediċini bl-appoġġ tal-Gvern.
 
Il-Ministru Dalli semmiet kif fl-aħħar erba’ snin, il-Gvern raħħas aktar minn 140 mediċina wara proċess ta’ djalogu li mexxiet l-Awtorità flimkien mal-MCCAA kemm mal-importaturi kif ukoll mal-fornituri tal-mediċini. Qalet li l-Gvern huwa impenjat li jkompli bir-roħs tal-mediċini fejn il-konsumaturi qed jibbenefikaw minn roħs sostanzjali li laħħaq il-65% tal-prezz oriġinali.
 
Il-Ministru Dalli ħabbret it-twaqqif ta’ unit ġdid fi ħdan l-Awtorità li se jiffoka fuq ir-riċerka, affarijiet xjentifiċi u l-innovazzjoni bil-għan li l-komunità tax-xjenzati f’pajjiżna jersqu aktar lejn l-Awtorità u joħorġu bi proġetti innovattivi fil-kamp mediku u xjentifiku.
 
Il-Ministru Dalli spjegat kif bl-inizjattiva tal-Awtorità dwar il-Mediċini u fl-isfond tal-Presidenza Maltija, ittella’ summit li laqqa’ flimkien għall-ewwel darba regolaturi Afrikani u Ewropej kif ukoll konferenza oħra li ttellgħet lbieraħ dwar il-mard rari.
 
Il-Ministru Dalli semmiet kif l-Awtorità qed tinvesti mal-10% tal-allokazzjoni tagħha fit-taħriġ tal-ħaddiema tagħha fil-livelli kollha.
 
Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar il-ħidma li qed titwettaq mill-Malta Laboratories Network li twaqqaf is-sena li għaddiet fi ħdan il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili li qed jaħdem f’mudell ta’ koperazzjoni ma’ laboratorji pubbliċi u privati. Minbarra li jara li l-laboratorji jkunu akkreditati, dan in-network inħoloq biex ikun hemm l-aħjar użu tar-riżorsi li jeżistu f’laboratorji differenti kif ukoll jinħoloq bdil ta’ informazzjoni fuq prattiċi ġodda fil-qasam xjentifiku.
 
Il-Ministru Dalli spjegat kif bis-saħħa ta’ dan in-network, kienu ffirmati bosta Memoranda of Understanding fosthom mal-Korporazzjoni għas-Servzzi tal-Ilma, mal-MCCAA fil-qasam tal-metroloġija u mal-Istitut Forensiku Olandiz fejn il-Ministeru investa tmenin elf ewro biex setgħu jitħarrġu tmintax-il uffiċjal tax-xena tar-reat fi ħdan il-korp tal-Pulizija.
 
Fl-istess waqt, sar ukoll ftehim ta’ kollaborazzjoni ma’ laboratorju privat li jispeċjalizza fid-determinazzjoni tad-DNA għal skopijiet forensiċi u li wassal għall-ftuħ ta’ laboratorju tad-DNA fl-istess kumpless tal-Life Sciences.