Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2022

Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2022


Kriterji:

Li l-persuna tkun ċittadin u resident ta’ Malta.

Li jkun qeda’ dmirijietu ta’ ħaddiem b’onestà u effiċjenza.

Li jkun wera inizjattiva, inġenjożità u kreattività f’xogħlu jew għen biex jitkattar it-tisħib tal-ħaddiema fir-responsabbiltà u l-parteċipazzjoni fit-tmexxija tax-xogħol; jew b’sagrifiċċju personali saħħaħ is-solidarjetà fost sħabu wiċċ imb wiċċ mal-problemi; jew b’xi mod jew ieħor iddistingwa ruħu bl-għaqda li nissel, bis-servizz u bl-eżempju li ta, bil-kontribut li għamel lill-pajjiż, bis-sens ta’ dedikazzjoni li wera għall-ġustizzja u għad-dinjità tal-ħaddiema, jew bil-ħidma li wettaq biex jippromwovi opportunitajiet indaqs fuq il-post tax-xogħol.

Tħaddim ta’ etika u integrità fil-post tax-xogħol.

L-aqwa prattiċi li jtejbu r-relazzjonijiet umani u motivazzjonali bejn ir-riżorsi kollha.

Azzjonijiet mwettqa minn individwu, tim jew organizzazzjoni quddiem sfidi għall-effiċjenza fl-operat.

Sehem fit-tixrid tal-valuri tar-responsabbiltà soċjali, kwalità u eċċellenza fis-sostenibbiltà.

Twettiq ta’ politiki li jnaqqsu l-impatt negattiv fuq l-ambjent ġewwa u barra l-post tax-xogħol.

Promozzjoni ta’ miżuri soċjali u solidarjetà favur il-Familja.

Tħaris u twettiq tal-programmi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Status ta’ MUDELL IDEALI – individwali, bħala tim jew organizzazzjoni ogħla mis-sehem mistenni.


Kategoriji:

Premju Nazzjonali Ħaddiem/a tas-Sena, 2022

Dan il-premju jidentifika l-aqwa kwalitajiet fl-impenn fix-xogħol u prestazzjoni mill-aqwa minn ħaddiem/a fl-interess tal-post tax-xogħol u l-benesseri tal-kollegi, u hu/hija meqjus/a bħala mudell ta’ tmexxija bil-prattika ta’ kunċetti ta’ integrità, etika, u titjib kontinwu fuq il-post tax-xogħol li jħaddan kompetittività, eċċellenza u sostenibbiltà f’ambjent tax-xogħol bi sfidi u kumplessitajiet li dejjem jiżdiedu.

Tim tas-Sena, 2022

Tim effettiv huwa karatterizzat minn relazzjonijiet interpersonali, sinerġiji, bini ta’ gruppi tax-xogħol effettivi u parteċipattivi b’kontribut ta’ żieda fil-valur għall-prestazzjoni ta’ suċċess fil-post tax-xogħol, u li toħroġ kull potenzjal possibbli tal-membri kollha tat-tim għall-kisba tal-eċċellenza fir-riżultati.

Maniġer/Kap tas-Sena, 2022

Prestazzjoni ta’ suċċess tiddependi minn kompetenzi ta’ ispirazzjoni, ta’ organizzazzjoni, u ta’ tmexxija minn maniġers, kapijiet, koordinaturi, u faċilitaturi li jrawwmu orjentazzjoni lejn riżultati u impenn sħiħ, billi japplikaw motivazzjoni maniġerjali fil-prattika, bl-eżempju, bir-responsabbilizzazzjoni u l-involviment tal-ħaddiem, kontabilità biex jintlaħaq l-istatus tal-aqwa mudell ta’ min iħaddem u bħala l-aqwa għazla ta’ post tax-xogħol b’dimensjonijiet umani.

Organizzazzjoni li tippromwovi l- bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja privata, 2022

Miżuri favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma karatteristika prinċipali tas-suċċess ta’ organizzazzjoni li timmotiva lill-ħaddiema billi toħloq kuntest pożittiv ta’ motivazzjoni u involviment ta’ kull riżorsa umana siewja filwaqt li tiffavorixxi kundizzjonijiet tax-xogħol li jġibu valur mhux biss għall-organizzazzjoni iżda wkoll lill-ħaddiema nfushom.

Premju għall-aħjar Imprenditriċi, 2022

Ħaddiema femminili qegħdin jarrikkixxu l-kreattività u l-innovazzjoni ta’ diversi entrapriżi, itejbu l-profitti tal-post tax-xogħol taħt ir-responsabbiltà tagħhom li jirriżulta minn żieda ta’ parteċipazzjoni femminili kif qed jiġi miksub matul dawn l-aħħar snin, pilastru ewlieni li hu vitali għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku tagħna.

Premju għall-aħjar Imprenditur, 2022

Ħaddiema maskili li qegħdin jarrikixxu l-kreattività u l-innovazzjoni ta' diversi intrapriżi u jtejbu l-effiċjenza u l-kompettitività tal-post tax-xogħol taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

Premju għall-aktar Mexxej/ja Żagħżugħ/a Ispiranti, 2022

Mexxejja żgħażagħ għandhom rwol importanti fit-tkabbir kruċjali ta’ kull organizzazzjoni, li jirriżulta mill-approċċ innovattiv, teħid ta’ riskji u spirtu rebbieħ, li jiggwidaw u jsawwru l-motivazzjoni tagħhom, u jikkapitalizzaw mill-opportunitajiet ta’ kisbiet u katalisti ta’ titjib.

Premju għall-aktar Kumpanija li tippromwovi r-Responsabbilta’ Soċjali 2022

Ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva’ turi li kumpanija tieħu interess mhux biss f’kwistjonijiet li jimpattaw direttament il-profiti tal-kumpanija imma f’kwistjonijiet aktar wiesgħa u soċjali. Hija kunċett li tindika l-integrazzjoni volontarja ta’ kwistjonijiet soċjali u ambjentali min-naħa ta’ tal-kumpanija fl-operat kummerċjali tagħha.

Premju għall-aktar Organizzazzjoni Inklussiva, 2022

L-inklussività ta’ realtajiet varji u riżorsi umani diversi f’kull livell tal-post tax-xogħol jikkontribwixxu għal kuntest industrijali armonjuż li joħroġ l-aqwa potenzjal minn kull membru tat-tim u jippromwovi opportunitajiet ekwi għall-iżvilupp personali fl-oqsma kollha li l-organizzazzjoni topera fihom.

Premju ta’ lifetime achievement, 2022

Dan il-Premju jirrikonixxi il-ħaddiem/a li matul ħajtu/hajjitha ta’/tat kontribut sinifikanti fuq il-post tax-xogħol, ta’/tat servizz eċċezzjonali u wera/wriet passjoni għall-eċċellenza.