Navigate Up
Sign In

Konsultazzjoni: Ilsien Malti

Konsultazzjoni Magħluqa

 
​Mingħand: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol
​Ippubblikata: ​4 ta' Lulju 2015
​Għalqet: ​6 t'Awwissu 2015
Paġna aġġornata: ​7 t'Awwissu 2015
 

Introduzzjoni

Il-Malti hu lsien relattivament żgħir b’aċċess limitat imma hu mezz vernakulari li għal mijiet ta’ snin serva sabiex il-ġens Malti jesprimi ruħu bih oralment u, iktar reċentament, anki permezz tal-kitba. Għalhekk dan il-vernakular, li sar lingwa, huwa aspett ewlieni fl-identità Maltija u jistħoqqlu jiġi ttrattat b’rispett u protett kif mistħoqq. 

Dan il-dokument huwa ispirat minn diskussjoni li kien hawn fil-pajjiż fuq l-użu u l-kitba bil-Malti. Dan huwa suġġett li jolqot mill-qrib ħafna nies għaliex il-maġġoranza tisma’, titkellem, taqra u tikteb bl-ilsien Malti. Qegħdin f’perjodu fejn it-teknoloġija qiegħda tħalli wkoll impatt kbir fuq l-użu tal-ilsien Malti. Dan qiegħed ikollu impatt ħażin fuq il-lingwa Maltija, kif ukoll fuq il-lingwa Ingliża, fuq it-tagħlim fl-iskejjel u fuq il-kitba, u r-rispett u l-għożża dovuti lejn il-lingwi. ​

Inħossu li wasal iż-żmien biex id-diskussjoni tkun waħda iktar profonda, wiesgħa u li twassal għal deċiżjonijiet li jagħtu konsistenza u uniformità fl-użu tal-ilsien Malti. 

Dawn li ġejjin huma ftit eżempji li wieħed jista’ jiffoka fuqhom:​ 

1. Il-Malti jibqa’ lingwa letterarja u ‘standard’, u għalhekk issir distinzjoni ċara bejn l-ilsien mitkellem u dak miktub. Mhux kulma jingħad oralment għandu jitqies bħala standard eż.: tikkaxxja minflok issarraf, jew tirrowstja minflok tixwi, eċċ. 

2. Ġaladarba pajjiżna qatt ma kien monolingwi, fl-għażla ta’ neoloġiżmi jew termini ġodda wieħed għandu jżomm f’moħħu l-etimoloġija u s-semantika, u m’għandux iħares neċessarjament, wisq inqas biss, lejn l-Ingliż jew l-Amerikan. Għandha tingħata preferenza lil kliem li diġa jeżisti bil-Malti, u wieħed għandu jissellef biss meta ma jkunx jista’ jsir mod ieħor (eż. ‘kundizzjonatur tal-arja’ minflok ‘erkondixin’). 

3. M’għandux isir tibdil fejn ma tinħass l-ebda ħtieġa għax dan iservi biss biex iħawwad l-imħuħ u jfixkel lil min kien iħaddem il-lingwa sew jew jixtieq jitgħallimha f’Malta u barra. Eż. ‘skont’ (roħs) li qiegħda tintuża wkoll flok ‘skond’ (according to, bl-Ingliż), u ‘pereżempju’ u ‘inġenerali’ flok ‘per eżempju’ u ‘in ġenerali’ kif dejjem ktibniehom bil-Malti. 

4. Tittieħed deċiżjoni fuq kif jinkiteb kliem ta’ reġistri fejn il-kliem Malti hu ristrett u jkun hemm kliem jew termini importanti u meħtieġa għall-vokabolarju. 

5. Isir stħarriġ x’għandu jiġri bil-kliem u l-verbi barranin li ħadu bixra Maltija. 

6. Il-Kapitlu 470 tal-Liġijiet ta’ Malta waqqaf u jirregola lill-Kunsill għall-Ilsien Malti. Dan il-Kunsill twaqqaf bil-għan li jadotta u jippromwovi politika u strateġija lingwistika xierqa u li jara li dawn jitwettqu u jiġu osservati f’kull qasam tal-ħajja Maltija, għall-ġid u l-iżvilupp tal-Ilsien nazzjonali u l-identità tal-poplu Malti.​ 

 

Il-Kunsill 

Il-Kunsill huwa magħmul minn:

  • President maħtur mill-Prim Ministru u magħżul minn fost persuni stabbiliti u kwalifikati fl-istudju tal-Malti u li jiġu rakkomandati mill-Akkademja tal-Malti u mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università;
  • żewġ persuni maħtura mill-Prim Ministru minn persuni nominati minn fost il-membri tal-Kummissjoni Teknika: iżda sakemm il-Kunsill jaħtar il-Kummissjoni Teknika l-Prim Ministru jista’ taħt dan il-paragrafu jaħtar żewġ persuni li hu jidhirlu idonji;
  • tliet persuni li jirrappreżentaw rispettivament lil u nominati mill-Akkademja, id-Dipartiment tal-Malti tal-Università, u l-Istitut tal-Lingwistika tal-Università;
  • rappreżentant tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni li jkun ġej mill-qasam tal-Kurrikulu Nazzjonali nominat mill-Ministru;
  • rappreżentant tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti nominat mill-Kunsill;
  • l-Avukat Ġenerali jew rappreżentant tiegħu, liema rappreżentant ikun persuna esperta u involuta fit-tifsil u t-traduzzjoni tal-leġislazzjoni;
  • rappreżentant elett skont kif jiġi preskritt minn u minn fost il-membri tal-Kumitati tal-Għaqdiet tal-Malti li huma mniżżla fl-Iskeda;
  • rappreżentant tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.​ 
 
Fost il-funzjonijiet tiegħu, il-Kunsill irid jieħu ħsieb jippromwovi l-Ilsien Malti kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Il-Kunsill għandu wkoll jaġġorna kif ikun meħtieġ l-ortografija tal-Ilsien Malti u, minn żmien għal ieħor, skont il-ħtieġa, jistabbilixxi l-mod kif għandu jinkiteb il-kliem ġdid fil-Malti u l-kitba korretta ta’ kliem u frażijiet li jidħlu fil-Malti minn ilsna oħra. Il-Kunsill għandu wkoll jiżviluppa, jimmotiva u jtejjeb l-għarfien u l-espressjoni tal-Ilsien Malti.

B’konsultazzjoni mal-organi mwaqqfa fil-liġi, il-Kunsill għandu jivvaluta u jikkoordina x-xogħol li jsir minn għaqdiet u individwi fil-kamp tal-Ilsien Malti u jrawwem atmosfera ta’ kooperazzjoni kif ukoll għandu u jżomm kuntatti regolari u frekwenti ma’ għaqdiet lokali, nazzjonali u internazzjonali li jkollhom funzjonijiet tal-Kunsill, u magħhom jistabbilixxi skambji ta’ ideat u riżorsi.

Biex jgħinu lill-Kunsill fil-funzjonijiet tiegħu, il-Kunsill jaħtar kumitati tekniċi f’oqsma ta’ speċjalizzazzjoni skont kemm ikun meħtieġ.​ 

 

Xi mistoqsijiet

Wasal iż-żmien li nirriflettu ftit fuq din il-liġi. Għandu jkun hemm Kunsill regolatorju? Għandu jinbidel ir-rwol ta’ dan il-Kunsill? Min għandu jkun rappreżentat fuq dan il-Kunsill?

L-Artiklu 3 (1) (ċ) Kap 470 tal-Liġijiet ta’ Malta jgħid hekk:

L-Istat Malti jagħraf fl-Ilsien Malti espressjoni qawwija tan-nazzjonalità tal-Maltin, u għalhekk jagħtih l-għarfien xieraq u meħtieġ kollu billi jagħraf l-importanza tiegħu fil-prinċipju u fil-prattika, u jgħasses biex dan l-ilsien ma jitħassarx u ma jintilifx.

Propju għalhekk, biex l-Istat jgħasses li l-Ilsien Malti ma jitħassarx u ma jintilifx, inħasset il-ħtieġa biex jiġi ppubblikat dan id-dokument li qiegħed jistieden lil kull min hu interessat biex jipparteċipa permezz ta’ ideat u kontribuzzjonijiet sabiex il-lingwa Maltija tkun il-lingwa ta’ kulħadd.

Din il-konsultazzjoni għalqet fis-6 ta' Awissu 2015 

Grazzi bil-quddiem għall-kontribuzzjonijiet tagħkom.

Id-dokument tal-konsultazzjoni jista' jitniżżel minn hawn, flimkien mal-istqarrija għall-istampa:

 

Annotamenti

Importanti li tkun taf li s-sottomissjonijiet se jkunu ppubblikati fuq is-sit tal-internet fi tmiem il-konsultazzjoni pubblika.  Il-Ministeru li qed jixpruna din l-attivita’ biss għandu jedd sħiħ fuq ikunux ippubblikati kummenti. 

Is-sottomissjonijiet riċevuti flimkien mal-identita’ tal-kontributur, se jkunu ippubblikati fuq l-internet, ħlief jekk il-kontributur joġġezzjona li d-data personali m’għandiex tkun ippubblikata għaliex dan jista’ jagħmel ħsara lill-interess leġittimu.  F’dan il-każ is-sottomissjoni tista’ tkun ippubblikata’ taħt isem fittizju. F’każijiet oħra il-kontribuzzjoni mhux se tkun ippubblikata u lanqas fil-prinċipju il-kontenut mhux se jkun ikkunsidrat. Kull oġġezzjoni li tikkonċerna l-pubblikazzjoni tad-data personali għandha tintbgħat e-mail fuq dan l-indirizz elettorniku: onlineconsultations@gov.mt. 

Protezzjoni u Privatezza tad-data – Att Dwar il-Protezzjoni tad-Data (Kap440) 

L-Att tal-Protezzjoni tad-Data,​ jirregola l-ipproċessar tad-data personali kemm jekk miżmuma b’mod elettroniku jew manwalment.  Il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili jiġbor l-informazzjoni neċessarja li huma intenzjonati biex jaqdu l-funżjonijiet u huma b’tali mod li jikkonformaw mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data hekk kif imniżżla fl-att. Il-verifikazzjoni tan-numru tal-karta ta’ l-identita se jseħħ meta jkun neċessarju. Kull data personali pprovduta se tkun ipproċessata skont l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-data (Kap 440). 

Barra minn dan t’hawn fuq, tajjeb tkun konxju ta’:

  •       L-iżvelar ta’ dokument bl-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni (Kap. 496)

 

Bħala Awtorita’ Pubblika kull dokument miżmum għandna, inklużi dokumenti relatati mal-proċess ta’ din il-konsultazzjoni, jistgħu jiġu żvelati billi ssir talba għal dokumenti skont l-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni (Kap. 496), sakemm it-talba ma tkunx suġġett għal raġunijiet konklużivi biex dokumenti uffiċjali ma jkunux żvelati taħt dan l-Att. 
 

 

​​Click on the 'Online Consultation' logo to go to the Public Consultations main page.

Top Section Banner.jpg

 

PR162603 - Stqarrija dwar il-bidliet fl-Att dwar l-Ilsien Malti [21.11.2016]
 
PR162603.pdfPR162603.pdf
 
PR162688 - Stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol [29.11.2016]